Id-Direttorat tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali għadu kif ħabbar it-tlestija tar-restawr tal-Lunetta ta’ San Franġisk li tifforma parti mill-fortifikazzjonijiet tal-Port il-Kbir. Apparti minn hekk, jinsab fi stadju avvanzat ħafna x-xogħol ta’ restawr li qiegħed isir fuq il-faċċata tal-Università l-Qadima, fil-Belt Valletta.

Id-Direttorat tar-Restawr, l-entità governattiva li għandha r-responsabbiltà ta’ restawr, riabilitazzjoni u interventi ta’ konservazzjoni fuq proprjetajiet storiċi pubbliċi, għandu staff varjat b’esperjenzi partikolari f’dan il-qasam. It-tim jikkonsisti minn periti speċjalizzati, professjonisti, tekniċi u ħaddiema tal-id, li matul is-snin bnew portafoll ta’ proġetti, liema proġetti qed iħallu l-marka tagħhom fuq il-prodott turistiku ta’ pajjiżna u jassiguraw li ma jintilfux ġojjelli imprezzabbli tant imfitxxija mit-turisti u mill-Maltin.

Meta qed nitkellmu fuq restawr, dan ma jinvolvix biss xogħol tal-id. Jibda mir-riċerka, u jkompli f’dokumentazzjoni tal-proċess, għad-disinjar u l-implimentazzjoni. 

Il-Lunetta ta’ San Franġisk tagħmel parti mill-medda ta’ fortifikazzjonijiet li jħarsu lejn il-Port il-Kbir u kienet qed turi sinjali ta’ deterjorament. Il-fortifikazzjonijiet, li jagħmlu parti minn dawk li ġew iddisinjati mill-inġinier Taljan Pietro Paolo Floriani, imorru lura għas-seklu sbatax madankollu kien hemm xi bidliet li saru matul iż-żmien. Din il-biċċa tidher li tifforma parti mill-bini oriġinali tal-bidu.

Il-proċess ta’ deterjorament esperjenzat mill-fortifikazzjonijiet huwa riżultat ta’ numru ta’ fatturi fosthom kxif għall-elementi, kontaminazzjoni tal-melħ (raxx tal-baħar u umdità) u attakki bijoloġiċi, fost l-oħrajn. L-interventi li saru indirizzaw il-periklu li jġib miegħu d-deterjorament tal-ġebel u t-tiġrif ta’ xi partijiet tal-Lunetta, u inkludew il-konsolidazzjoni strutturali tal-ġebel maqlugħ, l-istabbilizzazzjoni tal-blat, it-tibdil ta’ interventi li saru qabel, tindif, tikħil u l-applikazzjoni ta’ velatura trasparenti.

 

Restoration works 

 

Min-naħa l-oħra x-xogħlijiet ta’ restawr fuq l-Università l-Qadima jikkonsistufl-erba’ faċċati kif ukoll il-Knisja tal-Ġiżwiti. Il-faċċata tal-Università min-naħa ta’ Triq San Kristofru nbniet mill-ġdid wara li parti minnha ġġarrfet fit-Tieni Gwerra Dinjija. 

Ir-raba’ u l-aħħar fażi se tkun ir-restawr tal-faċċati tal-Università l-Qadima li jagħtu fuq Triq San Kristofru, li se tiġi konkluża fil-ġimgħat li ġejjin. Ix-xogħlijiet kienu jinkludu t-tindif tal-faċċata, tneħħija ta’ wires u siment minn mal-faċċata, tikħil ta’ fili u tiswija, kif ukoll bdil ta’ ġebel. Saru wkoll interventi fuq l-aperturi kollha tal-faċċata.

Kien il-Gran Mastru Martin Garzes li poġġa l-ewwel ġebla tal-Università, li dak iż-żmien kienet tissejjaħ Collegium Melitense, fl-4 ta’ Settembru 1595, u kellha sservi bħala l-lok li fih kienu jippreparaw il-kandidati għas-saċerdozju. Splużjoni fl-1634 ikkawżat ħsara kbira fil-kulleġġ u l-knisja, li reġgħet inbniet mill-inġinier residenti tal-Ordni, Francesco Buonamici, li hu maħsub li hu wkoll il-perit tal-faċċata tal-kulleġġ. Fl-1768 il-kulleġġ sar Università Pubblika għall-Istudji Ġenerali u Kulleġġ. Din il-binja rat numru ta’ bidliet matul iż-żminijiet, filwaqt li partijiet minnha ġew imġarrfa wkoll fit-Tieni Gwerra Dinjija.

Is-Servizz Pubbliku huwa kommess li jibqa’ jkun fuq quddiem nett fir-restawr ta’ ġojjelli arkitettoniċi li jinsabu fil-gżejjer Maltin, anke permezz tad-Direttorat tar-Restawr. Dan mhux biss b’rieda lejn il-pubbliku, imma wkoll sabiex nissalvagwardjaw il-patrimonju tagħna għall-ġenerazzjonijiet futuri.