Fejn għandu x’jaqsam il-benesseri tal-impjegati, is-Servizz Pubbliku jinsab minn tal-ewwel biex joħloq mekkaniżmi biex min fi ħdanu għandu bżonn l-għajnuna, din tingħatalu.

L-Amministrazzjoni Pubblika tipprovdi l-possibilità li impjegati pubbliċi jagħtu ammont ta’ sigħat mil-leave jew time-off tagħhom volontarjament. Dawn is-sigħat jidħlu ġewwa fond ċentrali sabiex jiġu użati f’każijiet umanitarji minn ħaddiema oħra fl-Amministrazzjoni Pubblika li jkunu għaddejjin minn żmien diffiċli minħabba problemi ta’ saħħa jew mard serju.

Ħafna drabi, impjegati f’dawn is-sitwazzjonijiet ma jkollhomx biżżejjed leave biex ikoprilhom il-perjodu li huma jkunu assenti mix-xogħol. Għaldaqstant, permezz ta’ din il-miżura, l-impjegati ma jkollhomx għalfejn jirrikorru għal leave bla ħlas li jista’ jwassal għal problemi finanzjarji.

Tul l-aħħar snin kemm ilha fis-seħħ din il-miżura, il-bank ta’ sigħat żdied kontinwament. Dan juri biċ-ċar il-ġenerożità kbira li għandhom l-impjegati pubbliċi u s-sapport li juru lejn il-kollegi tagħhom. Kienu ’l fuq minn 120 każ li ġew megħjuna din is-sena minn dan il-fond u ntużaw madwar 24,000 siegħa.

Impjegati pubbliċi huma għalhekk mistiedna jikkuntattjaw lid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani rispettiv fi ħdan il-Ministeru tagħhom sabiex ikunu jistgħu jiksbu aktar informazzjoni ta’ kif jistgħu jagħtu parti mil-leave tagħhom għal dan l-għan nobbli jew jibbenefikaw minn din il-miżura, kif ukoll dwar il-kriterji tal-eliġibilità. Inkella jċemplu lill-One-Stop-Shop għall-uffiċjali pubbliċi fuq 22001225 jew jibagħtu email lil one-stop-shop.psd@gov.mt għal aktar tagħrif.