Is-Sur Tony Sultana nħatar Segretarju Permanenti Ewlieni fl-1 ta’ Ġunju 2022, wara karriera twila fis-Servizz Pubbliku li fiha kien pijunier fl-użu tat-teknoloġija tal-informatika. Hu kien fdat ifassal l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ewlenin tal-Gvern.
Il-karriera tiegħu bdiet fl-1986 maċ-Ċentru tal-Kompjuters tal-Gvern. Matul is-snin, is-Sur Sultana kien strumentali fl-implimentazzjoni tar-riforma tat-taxxa u sistemi ħolistiċi oħra. Huwa mexxa t-Taskforce tal-Euro-IT u kellu r-responsabbiltà li jikkordina l-bidla għall-ewro tas-sistemi tal-informatika. Hu ġie assenjat ukoll ir-responsabbiltà tas-sistema tal-utilitajiet u ħa sehem fl-implimentazzjoni ta’ Integrated Utilities Business Systems.
Wara li kellu diversi karigi maniġerjali għolja fi ħdan il-MITA, is-Sur Sultana nħatar Kap Eżekuttiv f’April 2013. Matul il-mandat tiegħu, huwa ffoka fuq it-tisħiħ u l-immodernizzar tas-sistemi diġitali tal-ICT tal-Gvern, bi prijorità fuq is-sigurtà.
Is-Sur Sultana għandu sfond tekniku fl-elettronika industrijali u fuq is-sistemi ta' informazzjoni tal-Gvern permezz ta' programmi speċjalizzati li għamel f'Singapore u l-Ġappun. Għandu degree fil-Matematika u Computing mill-Università ta’ Malta u Master of Science fil-Management mill-Università ta’ Anglia fir-Renju Unit.