1
20
56
14
176
179
L-ogħla saff ta’ tmexxija fis-Servizz Pubbliku fih ħames livelli: dawk ta’ Segretarju Permanenti Ewlieni, Segretarju Permanenti, Direttur Ġenerali / Chief Information Officer, Direttur, u Assistent Direttur.
Is-Segretarju Permanenti Ewlieni huwa l-Kap tas-Servizz Pubbliku jew il-Kap taċ-Ċivil. Din il-kariga hija stabbilita mill-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika.
Is-Segretarji Permanenti jirrappreżentaw it-tieni livell ta’ tmexxija tas-Servizz Pubbliku. Ġeneralment ikun hemm Segretarju Permanenti wieħed bħala l-kap amministrattiv f’kull ministeru għalkemm f’ċerti każi jista’ jkun hemm aktar minn Segretarju Permanenti wieħed fl-istess ministeru.
Diretturi Ġenerali jistgħu jinħatru biex imexxu fergħat kbar ta’ ministeri, jew inkella bħala kapijiet ta’ dipartimenti kbar.
Diretturi jmexxu direttorati fil-ministeri (taħt ir-responsabbiltà tas-Segretarju Permanenti jew inkella ta’ Direttur Ġenerali) jew f’dipartimenti kbar li jkunu taħt it-tmexxija ta’ Direttur Ġenerali. Direttur jista’ wkoll jinħatar bħala kap ta’ dipartiment zgħir.
Assistenti Diretturi jmexxu taqsimiet ta’ ċertu importanza sew fil-ministeri u sew fid-dipartimenti tal-Gvern.
Hemm ukoll uffiċjali li huma inkarigati mit-tmexxija ta’ dipartiment, iżda li għandhom titli partikolari (per eżempju s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, li huwa tal-istess livell ta’ Direttur Ġenerali).
Uffiċjali f’dawn il-karigi ta’ tmexxija jinħatru għal perjodu ta’ erbgħa snin fuq il-bażi ta’ performance agreements, suġġett għal sena probation. Kull performance agreement huwa forma ta’ kuntratt li jispeċifika r-risponsabbiltajiet tal-uffiċjal li qed jinħatar fil-kariga, u jipprovdi biex kull sena jiġu mfassla l-miri li l-uffiċjal għandu jilħaq matul dik is-sena. Ix-xogħol tal-uffiċjal jiġi mqabbel mal-miri u skont ir-riżultat jista’ jingħata bonus għal prestazzjoni tiegħu/tagħha.
Meta jgħaddi t-terminu tal-performance agreement, l-uffiċjal m’għandux garanzija li se tiġġeddidlu l-ħatra. Jekk il-kariga hija waħda li timtela wara sejħa għall-applikazzjonijiet, kif ġeneralment jiġri fil-livelli ta’ Assistent Direttur, Direttur u Direttur Ġenerali/Chief Information Officer, il-kariga terġa’ tiġi riklamata u l-uffiċjal ikollu japplika mill-ġdid sabiex jiġi kkunsidrat.
Jekk l-uffiċjal ma jinħatarx mill-ġdid, huwa ma jitlifx xogħlu fis-Servizz Pubbliku iżda jmur lura fuq il-grad sostantiv li jkun kiseb matul iż-żmien u jingħata xogħol ta’ livell xieraq. Din is-sistema tilħaq kompromess bejn żewġ għanijiet: minn banda, li uffiċjal li jingħata kariga għolja ta’ tmexxija jkun jaf li għandu jħabrek sabiex izomm il-kariga, u mill-banda l-oħra li s-Servizz Pubbliku jibqa’ joffri kontinwità lil dawk li jagħzlu karriera miegħu.