Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali

Is-Sur Sharlo Camilleri

Is-Sur Sharlo Camilleri twieled fl-20 ta’ Frar, 1976, huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal. Huwa gradwa mill-Università ta’ Malta b’Diploma fl-Agrikoltura u M.Sc. fil-Ġestjoni Ambjentali u l-Ippjanar, u B.Sc. (Hons.) fil-Ġeografija mill-Università ta’ Londra.

Is-Sur Camilleri beda l-karriera tiegħu fil-qasam agrikolu bħala student-ħaddiem fid-Dipartiment tal-Agrikoltura u ngħaqad mas-Servizz Pubbliku f’Settembru tal-1997. Matul l-ewwel snin ta’ servizz tiegħu kien involut f’attivitajiet u networks ta’ riċerka, programmi ta’ monitoraġġ, servizzi ta’ konsulenza fil-biedja, u appoġġ tekniku għall-politika agrikola.

F’Awwissu 2006 beda l-ħidma tiegħu fl-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali. Minn dakinhar kellu karigi ta’ tmexxija għolja u dejjem kien involut fit-teħid ta’ deċiżjonijiet strateġiċi. Hu okkupa l-karigi ta’ Deputising Director Operations tal-Aġenzija għall-Pagamenti, Kap Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali, Direttur għas-Saħħa tal-Pjanti u Direttur Ġenerali għall-Iżvilupp Rurali.

Huwa serva f’diversi kumitati u bordijiet governattivi, fosthom membru tal-Bord tal-MEPA, il-Kunsill Konsultattiv għall-Agrikoltura, kif ukoll Chairperson tal- Agriculture Advisory Committee u tal-Kumitat tal-Għażla tal-Proġett taħt il-Programm għall-Iżvilupp Rurali. Huwa serva wkoll bħala l-ispokesperson fil-Kumitat Speċjali għall-Agrikoltura fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

Fl-2020 huwa nħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali.​