Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur

Is-Sinjura Nancy Caruana

Nancy Caruana twieldet iż-Żurrieq fil-15 ta’ April 1964. Wara li ħadet l-edukazzjoni tagħha fl-iskola primarja u sekondarja taż-Żurrieq kif ukoll fin-New Lyceum tal-Imsida, fl-1982 bdiet taħdem fis-Servizz Pubbliku. Bdiet bħala tajpista fid-Dipartiment tal-Eżamijiet u minn dakinhar ’il quddiem baqgħet tavvanza gradwalment fil-karriera tagħha.

Fl-1994, is-Sa Caruana mxiet għad-Dipartiment tal-VAT fejn ħadet il-post ta’ Spettur tal-VAT. Fl-2004 ngħatat ir-rwol ta’ Central Liaison Officer u kienet responsabbli għall-iskambju tal-informazzjoni dwar VAT bejn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea magħrufa aħjar bħala VIES. Hija kienet ukoll l-Awtorità Kompetenti għall-Irkuprar tat-Taxxi, u anke membru fil-kumitat li ħa ħsieb il-bidla għall-ewro.

Ir-riżultat pożittiv miksub mill-eżami għal Prinċipal Anzjan fl-2009 ta żvolta lill-karriera tas-Sa Caruana, tant li eżatt wara ġiet promossa għal Assistent Direttur fid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern fejn kienet responsabbli mis-sezzjoni tal-infurzar. Fl-2010 s-Sa Caruana ġiet promossa għal Direttur tal-Finanzi u l-Amministrazzjoni fl-istess dipartiment, responsabbli mir-Riżorsi Umani, l-IT u l-Finanzi, flimkien mal-amministrazzjoni ġenerali tad-Dipartiment.

Fl-2014 ġiet appuntata Direttur tat-Turiżmu fil-Ministeru għat-Turiżmu fejn kellha rwol importanti ħafna fl-aspett tar-riżorsi umani. Aktar tard fl-2014, is-Sa Caruana nħatret Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar. F’Novembru 2020 dan sar il-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija. F’April 2022, is-Sa Caruana nħatret Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur.