Is-Sur Kevin Mahoney twieled tas-Sliema fis-26 ta’ Mejju 1962. Huwa attenda l-Iskola Sekondarja ta’ San Ġużepp f’Raħal Ġdid u ggradwa bl-unuri fl-Amministrazzjoni Pubblika mill-Universita` ta’ Malta fl-1985.
Huwa daħal fis-Servizz Pubbliku bħala Uffiċjal Amministrattiv fl-1986 u kien impjegat fl-Uffiċċju Elettorali bħala uffiċjal inkarigat mid-Dipartiment. Huwa nħatar ukoll Segretarju tal-Kummissjoni Elettorali. Fl-1989 ġie trasferit għal perjodu qasir fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni u aktar tard fl-istess sena ġie assenjat doveri fl-Uffiċċju tan-Nutar tal-Gvern bħala Kap tal-Amministrazzjoni, Finanzi u Riżorsi Umani. Huwa ġie appuntat Assistent Reġistratur tal-Qrati f’Diċembru tal-1994. F’Lulju tal-2001, inħatar Direttur u Reġistratur tal-Qrati u Tribunali Ċivili. Fl-2007, inħatar Direttur Ġenerali tal-Qrati tal-Ġustizzja kif ukoll delegat nazzjonali tal-eJustice working party tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Reġa’ ġie kkonfermat Direttur Ġenerali fl-2010.
Fl-2013 inħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern u s-Sigurta` Nazzjonali, liema pożizzjoni reġa ġie kkonfermat fiha fl-2016 u għal darb’oħra fl-2019, id-darbtejn għal perjodu ta’ tliet snin. Huwa ġie appuntat ukoll espert nazzjonali tal-High Level Working Group (HLEG) dwar l-Interoperabbilta` u s-Sistemi tal-Informatika mwaqqfa mill-Kummissjoni Ewropea. F’April 2022 is-Sur Mahoney inħatar Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru (Kordinazzjoni u Implimentazzjoni).
Huwa miżżewweġ u għandu żewġ subien.