Dr Cassar twieldet fl-1959. Studjat fl-Università ta’ Malta u Sheffield Hallam fl-Ingiletterra. Iggradwat fl-istudji reliġjużi u fil-management fil-livell ta’ Masters u ġabet PhD bi studju multidixxiplinarju fuq l-għażla tal-individwu fejn iffokat fuq persuni li jbatu minn Dependence Syndrome.
Fil-bidu tal-karriera tagħha kienet taħdem fis-settur tal-manifattura fejn ukoll okkupat kariga fil-management u kisbet esperjenza fil-qasam trejdunjonistiku. Għal bosta snin ħadmet fil-qasam tat-turiżmu fejn kienet tokkupa pożizzjonijiet għoljin f’general management u fir-riżorsi umani. Ilha involuta fit-taħriġ u l-iżvilupp tal-ħaddiema għal snin twal.
Ħadmet ukoll fil-qasam soċjali u għal numru ta’ snin kienet ingaġġata minn Caritas Malta bħala Kap tas-Servizzi fil-Komunità. Kienet ukoll inkarigata biex tiftaħ l-ewwel programm għan-nisa bi problema ta’ droga.
Dr Cassar bdiet il-karriera tagħha fis-Servizz Pubbliku fl-2013 bħala Direttur Ġenerali għar-Riżorsi Umani fil-Ministeru għas-Saħħa. Fl-2015 inħatret Direttur Ġenerali għall-Implimentazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, b’responsabbiltajiet fl-Istrateġija għar-Riżorsi Umani. Fl-2016, bix-xoljiment tal-PAHRO, inħatret Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni l-ġdida tal-People and Standards.
F’Ġunju tal-2017 Dr Cassar inħatret bħala Segretarju Permanenti (People and Standards) fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.