Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej

Is-Sur Christopher Cutajar

Is-Sur Christopher Cutajar twieled fl-1985 u daħal fis-Servizz Pubbliku fl-2007. Huwa ggradwa bl-unuri fin-nursing u iktar tard kiseb Executive Master fl-Amministrazzjoni Pubblika, it-tnejn mill-Università ta’ Malta.

Huwa kien direttament attiv fis-settur tat-trade unions bejn is-sena 2009 u l-2014. Fil-General Workers Union huwa mexxa s-sezzjoni taż-żgħażagħ u serva wkoll bħala membru fil-Kunsill Nazzjonali. Inħatar ukoll fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ fejn serva ta’ Uffiċjal Finanzjarju għal sena.

Is-Sur Cutajar beda l-esperjenza tiegħu fl-Amministrazzjoni Pubblika fl-2011 meta serva bħala Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tal-Fgura, post urban b’popolazzjoni ta’ madwar 11,000 persuna. Huwa dam f’din il-kariga għal ħames snin fejn kellu wkoll opportunità jservi ta’ Segretarju f’lokalitajiet oħra kif ukoll bħala Segretarju tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali sabiex jiffaċilita perjodi tranżitorji amministrattivi.

Huwa ġie appuntat Segretarju Permanenti fil-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura f’Ġunju 2016 u kien ikkonfermat f’din il-pożizzjoni meta seħħew bidliet amministrattivi fil-Gvern. F’dan il-perjodu, is-Sur Cutajar ikkordina proġetti maġġuri bħall-proġett ta’ Pjazza Tritoni, li sar ikona fid-daħla tal-Belt Valletta. Huwa mexxa wkoll proċess ta’ ristrutturar strateġiku fid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi fejn sar xogħol ta’ proġetti sostenibbli għall-komunitajiet. Fl-erba’ snin ta’ wara, is-Sur Cutajar serva wkoll bħala Deputat Chairperson tal-Kumitat għas-Sigurtà Marittima.

Is-Sur Cutajar huwa membru tal-bord ta’ esperti tal-Commonwealth Road Safety Initiative, liema bord għandu l-għan li jnaqqas il-fatalitajiet u inċidenti serji fit-toroq. Fl-1 ta’ Ġunju 2020 huwa ġie appuntat bħala Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej.