Segretarju Permanenti, Ministeru għall-Anzjanità​ Attiva

Is-Sinjura Christine Schembri

Is-Sa Christine Schembri ngħaqdet mas-Servizz Pubbliku fl-1982 u serviet f’diversi karigi f’Ministeri varji fejn rat il-bidu tal-karriera tagħha fil-Ministeru għall-Intern u wara mxiet għad-Dipartiment tal-Edukazzjoni. Fl-1996, ftit xhur wara li ġiet introdotta l-VAT f’Malta, ingħaqdet ma’ tim ta’ Spetturi tal-VAT fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi. Is-Sa Schembri kompliet tavvanza hekk kif fl-2007 ġiet appuntata Assistent Direttur fl-istess Dipartiment. F’dan ir-rwol kienet responsabbli għall-amministrazzjoni tal-ECO Contribution, l-immaniġġjar tal-operazzjonijiet tas-Central Liaison Office u l-koperazzjoni amministrattiva fost l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea. Hija serviet ukoll bħala Uffiċjal Nazzjonali tal-Eurofisc.

Fit-2 ta’ Jannar 2014, is-Sa Schembri ġiet appuntata fil-pożizzjoni ta’ Segretarju Eżekuttiv fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, fejn serviet f’din il-kariga għal sitt snin. F’dan iż-żmien hija ħadmet sabiex ir-regolamenti għall-ħatriet tal-Uffiċjali Pubbliċi u dawk li jirregolaw id-dixxiplina jiġu reveduti u simplifikati.

F’Ġunju 2020, is-Sa Schembri ġiet appuntata Segretarju Permanenti fi ħdan l-Uffiċċju tal-Kabinett, responsabbli mill-Kordinazzjoni u l-Implimentazzjoni. Fi Frar 2022, ir-responsabbiltajiet tas-Sa Schembri ġew estiżi fejn ġiet maħtura wkoll Segretarju Permanenti responsabbli mill-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva. F’April 2022 inħatret Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Anzjanita’ Attiva.

Hija wkoll serviet bħala membru fuq il-Bord tal-Governanza tar-Revolving Doors li hu stabbilit mill-Att għall-Amministrazzjoni Pubblika.