Fl-4 ta’ Novembru 2021 ġiet imnedija l-istrateġija l-ġdida ta' 5 snin għas-Servizz Pubbliku, bil-viżjoni aħħarija tkun li jinkiseb servizz ta' eċċellenza. Din l-istrateġija ħolistika, li hi l-ewwel tax-xorta tagħha, se tibbaża fuq tliet elementi ewlenin li huma n-nies, it-teknoloġija u s-servizz. Dawn se jħaddnu tliet prinċipji li se jkunu ta' gwida f'kull ma jsir: il-kwalità, il-kontabbiltà u s-sostenibiltà.

Waqt il-konferenza 'Lejn Servizz ta' Eċċellenza' li għaliha attendew l-ogħla uffiċjali tas-Servizz Pubbliku, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar fisser li din il-viżjoni għandha l-għan li twassal għal servizz pubbliku li jiffunzjona mingħajr intoppi, li jagħti rendikont, li jaħdem b'mod sostenibbli u konsistenti biex jagħti servizz ta' eċċellenza.

Spjega li l-istrateġija l-ġdida tinkorpora fiha 45 inizjattiva, maqsumin skond it-temi, li se jservu bħala programm ta' ħidma biex titwettaq il-viżjoni fil-ħames snin li ġejjin. L-istrateġija tispjega wkoll kif se jitkejjel il-progress, strutturi ta' moniteraġġ u implimentazzjoni, il-valuri komuni tas-Servizz Pubbliku u l-prinċipji ta' gwida.

Il-konferenza ġiet indirizzata wkoll mill-Professur Frank Bezzina li ta analiżi dwar l-istrateġija, u minn Dominic Mintoff, Massimo Vella u Dr Joyce Cassar li taw preżentazzjoni fuq it-tliet pilastri tat-teknoloġija, servizz, u n-nies rispettivament.

Dan il-proċess ta' tiġdid issa ġie ddokumentat ukoll permezz ta' pubblikazzjoni ġdida li tikkumplimenta l-istrateġija mnedija llum. Dawn iż-żewġ pubblikazzjonijiet jinsabu aċċessibbli b'mod elettroniku minn dan is-sit.​​

Niżżel l-Istrateġija minn hawn

Mit-Tiġdid għat-Tisħiħ tas-Servizz PubblikuImnedija strateġija ġdida għas-Servizz PubblikuIn-Nies, it-teknoloġija u s-servizz: it-tliet pilastri tal-istrateġija ġdida
Il-valuri komuni tal-istrateġija l-ġdida Ritratti tal-konferenza li fiha tnediet l-istrateġija l-ġdida It-tiġdid tas-Servizz Pubbliku 2013-2021